L-UNESCO, il-fergħa tal-Ġnus Magħquda għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura, tat il-patrunaġġ tagħha lill-maltabiennale.art, festival internazzjonali tal-arti li, għall-ewwel darba, se jsir f’Malta s-sena d-dieħla.
Dan qed jitqies bħala rikonoxximent b’saħħtu ħafna għal dan l-avveniment prestiġjuż, li għalkemm se jkun qed jittella’ fostna għall-ewwel darba, ir-rispons għalih hu wieħed inkoraġġanti mill-artisti minn madwar id-dinja kollha u jikklassifika lill-maltabiennale.art bħala avveniment kulturali prinċipali għas-sena li ġejja.
Dan hekk kif jirriżulta li s’issa diġà hemm aktar minn 500 applikazzjoni minn ta’ artisti differenti minn 80 pajjiż differenti.
Il-maltabiennale.art se jiddiskuti, permezz tal-arti kontemporanja, il-Mediterran, bit-tema: ‘Baħar Abjad, Imsaġar taż-Żebbuġ’. Il-biennale se jkun mifrux ma’ Malta u Għawdex, l-aktar fis-siti storiċi ta’ Heritage Malta, uħud minnhom iddikjarati mill-UNESCO bħala Wirt ta’ Patrimonju Dinji, bħalma hi l-Belt Valletta u l-Ġgantija f’Għawdex.
Fl-ittra tagħha, id-Direttur Ġenerali tal-UNESCO, Audrey Azoulay, ferħet lill-President tal-maltabiennale.art, Mario Cutajar, u lil Heritage Malta għal din l-inizjattiva, waqt li awguratilhom l-akbar suċċess għall-biennale.
Il-President tal-maltabiennale.art, Mario Cutajar, qal li hu ta’ sodisfazzjon li Malta ġiet rikonoxxuta f’dan il-livell, waqt li fisser l-importanza ta’ din il-kisba.
“Għaliex il-UNESCO deherilha li għandha tagħti dan ir-rikonoxximent? Dan ir-rikonoxximent tagħtu, il-patrunaġġ tagħha tagħtu, għar-raġuni li dan il-Biennale jorbot mal-għanijiet li għandha l-UNESCO. Jorbot mal-għanijiet tagħha li, permezz tal-kultura, permezz tal-arti jiddjalogaw f’dan il-każ fil-Mediterran, il-problemi tal-Mediterran il-kulturi, aspetti mill-kulturi tal-Mediterran, għax ta’ bilħaqq nifhmu li, bl-arti, in-nies jitkellmu aħjar.”
Mario Cutajar – President tal-MaltaBiennale.art
Il-maltabiennale.art se jiftaħ il-bibien tiegħu fil-11 ta’ Marzu 2024 u jibqa’ għaddej sa tmiem Mejju ta’ wara. Dan l-avveniment qiegħed jittella’ b’koperazzjoni wkoll mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA.