“Ix-xemx qed tiżreġ fuq ir-Renju Unit”, dan kien l-ewwel kumment li ta Nigel Farage, il-mexxej tal-UKIP, lill-membri tal-media, sekondi wara li ħareġ ir-riżultat uffiċjali tar-referndum f’ Manchester.
Farage qal li din hija rebħa għall-popolin li tkellem kontra kontra saħħiet ekonomiċi u politiċi f’ pajjiżhom li ppruvaw ibeżżgħu.
Rebħa, li skontu, se sservi biex tħajjar pajjiżi oħra Ewropej jagħmlu l-istess għaliex l-Unjoni Ewropea qed tmut. Sostna li issa hemm bżonn li r-Renju Unit ikollu gvern ta’ Brexit li jirrinegozja l-ftehim li għandu mal-Unjoni Ewropea mill-iktar fis.
Nigel Farage stqarr lill-ġurnalisti li dan il-Jum għandu jsir festa pubblika u jissejjaħ Jum l-Indipendenza.
F’ risposta għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti saħansitra qal li l-partit tiegħu, il-UKIP, jista’ jsir il-Partit Laburista l-ġdid.