Il-Union Ħaddiema Magħqudin ordnat strajk mingħajr avviż fuq is-servizz tal-ambulanzi tal-isptar Mater Dei. Dan l-istrike qed jaffettwa lil dawk li jkollhom bżonn trasport mingħajr infermier mid-dar lejn l-isptar.
Dan l-istrajk li qed jiġi deskritt bħala wieħed illegali daħal bħal leħħa ta’ berqa, u qed jaffettwa aktar lin-nies vulnerabbli.
Dan allegatament sar minħabba nuqqas ta’ ftehim dwar ġurnata leave ta’ xufier tal-ambulanzi.
Kawża ta’ dan l-istrajk l-operat tal-emerġenza qed jiġi affetwat hekk kif matul il-jum tat-Tnejn hemm biss żewġ xufiera li ma humiex membri f’din il-union.
Dawn iż-żewġ xufiera qed jispiċċaw jagħmlu dan ix-xogħol li s-soltu jinqasam bejn ix-xufiera kollha bil-konsegwenza li fl-16:00 kien hemm aktar minn għaxar telefonati li kienu ilhom jistennew mill-10:30.
Kif jixhdu r-ritratti li ġibed one.com.mt, filwaqt li aktar minn għaxar pazjenti kienu qed jistennew ambulanza, numru ta’ ambulanzi dehru pparkjati taħt it-tinda tal-emerġenza.