Il-UĦM Voice of the Workers ordnat li xi ħaddiema tal-kuntratturi li jagħtu servizz lill-kumpanija Gozo Channel biex jisstrajkjaw għada filgħodu. L-avviż jidher li ngħata tard il-Ħadd filgħaxija bħal f’każijiet preċedenti.
F’messaġġ fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, iċ-Chairman tal-kumpanija, Joe Cordina, sejjaħ dan bħala att ta’ ‘vendikazzjoni’ mal-ħaddiema Għawdxin li t-Tnejn filgħodu jridu jaqsmu l-fliegu lejn Malta biex imorru x-xogħol.
Lura f’Settembru, il-UĦM ordnat li jsir strajk minħabba nuqqas ta’ qbil fuq ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-kuntratturi li jagħtu servizz lill-kumpanija. Mhux magħruf ir-raġuni għalfejn il-unjin ordnat li jsir strajk din id-darba.