Intant, wara li aktar kmieni l-MAM ħabbret li se tissospendi ddirettivi, it-Tnejn waranofsinhar il-UĦM ħabbret li se tħarrax l-azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet u se tkun qed twaqqaf diversi servizzi fosthom operazzjonijiet, pproċessar ta’ testijiet tad-demm u servizzi fil-komunità għall-anzjani u persuni vulnerabbli.
Fi stqarrija l-UĦM ordnat biex jitwaqqfu operazzjonjiet mhux urġenti u ordnaw ukoll lir-radiographers tal-emerġenza biex jaħdmu bil-go slow. Il-UĦM ordnat ukoll biex it-testijiet tad-demm li jsiru ma jiġux pproċessati sakemm ma jkunux urġenti jew dawk relatati ma testijiet tal-COVID-19.
Il-UĦM ordnat ukoll lill-podjatri biex joffru biss servizzi urġenti fl-isptarijiet u waqqfu s-servizzi fil-komunità u d-djar tan-nies foshom l-anzjani.
L-Occupational Therapists mhux ser jaraw pazjenti ġodda u s-servizzi ta’ home visits se jitwaqqfu. Direttiva oħra se tolqot nies li għandhom diffikultajiet biex jibilgħu l-ikel u x-xorb. Bid-direttivi maħruġa mill-UĦM dawn il-persuni se jibdew jintbagħtu l-emerġenza flok jingħataw trattament id-dar.
Il-UĦM ordnat ukoll biex it-testijiet tas-smigħ jieqfu kollha u biex il-fiżjoterapisti jieqfu jaħdmu mal-pazjenti kollha għajr ma dawk bi problemi respiratorji ġewwa l-isptarijiet.
Fl-istqarrija il-Union Ħaddiema Magħqudin qalet ukoll li sa issa dawn id-direttivi mhux jolqtu l-ħidma kontra l-imxija tal-Covid-19 iżda l-Union iżda qalet li ma hi qed teskludi xejn jekk il-Gvern ma jċedix għall-pressjoni tagħha u jiffirma ftehim settorjali għall-Allied Health Professionals.