Il-Union Ħaddiema Magħqudin qalet li l-Budget li se jitħabbar nhar it-Tnejn għandu jkompli jiggarantixxi li ma jkunx hemm żidiet fil-prezzijiet tal-fjuwil u tal-enerġija.
F’numru ta’ proposti li għamlet għall-Budget u li ppreżentathom waqt konferenza tal-aħbarijiet virtwali, l-unjin ipproponiet ukoll li ma jkunx hemm taxxa fuq il-kontribuzzjonijiet tal-bolla; li jsir studju bil-ħsieb li l-paga minima nazzjonali titla’ sa nofs il-paga medja gross; li jingħata aktar kumpens għal familji vulnerabbli u għall-anzjani; li ssir aktar ħidma biex jiġi indirizzat ix-xogħol prekarju; żieda gradwali fil-limiti massimi tal-pensjonijiet; it-tkomplija tad-dibattitu dwar id-dritt li l-ħaddiem jaqta’ mix-xogħol; u li l-postijiet tax-xogħol ikollhom faċilitajiet li jħeġġu lill-impjegati tagħhom jużaw mezzi alternattivi ta’ trasport biex imorru għax-xogħol.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM, Josef Vella, qal li filwaqt li minħabba l-pressjonijiet ikkawżati miċ-ċirkustanzi internazzjonali f’pajjiżi Ewropej oħra qed naraw it-taqlib u l-kunflitti soċjali, f’Malta l-unjins kollha ngħaqdu flimkien u ressqu proposta konkreta waħda dwar il-kumpens għall-għoli tal-ħajja.