Il-Union Ħaddiema Magħqudin ordnat strajk tal-ambulanzi wara li xufier ma tħalliex isuq aktar ambulanza minħabba li kien sofra kundizzjoni serja medika. Dan żvelawh ma one.com.mt sorsi qrib l-isptar Mater Dei fejn stqarru kif jinsabu imħassba ferm għall-aġir ta’ din il-Union.Minħabba dan l-istrajk qed jiġu affetwati dawk li jkollhom bżonn servizz ta’ ambulanza mingħajr infermier mid-dar għad-Dipartiment tal-Emerġenza f’dik li hija magħrufa bħala blue code. L-istess sorsi qalulna li dan l-istrajk reġa ħarbat l-operat ta’ dan is-servizz tant importanti. Tant li kien hemm min tħalla jistenna ambulanza għal aktar minn 6 siegħat minn x’ħin għamel it-telefonata.
Dan minkejja li matul il-ġurnata kollha kien hemm numru sostanzjali ta’ xufiera magħrufa bħala EARs jistennew ħdejn il-parkeġġ tal-ambulanzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza stess. Is-sorsi tagħna spjegaw ukoll kif huma ma jistgħux jifhmu kif qed jidħlu direttivi minħabba deċiżjoni li ttieħdet bil-għan tħares is-saħħa u s-sigurtá tal-pazjent u l-kumplament tal-ekwipaġġ tal-ambulanza. Esperti fil-qasam stqarrew magħna li din id-deċiżjoni hija konformi ma’ regoli tal-Unjoni Ewropea li jgħidu li persuna ma għandhiex titħalla ssuq vettura tal-emerġenza jekk tkun tbati jew esperjenzat din it-tip ta’ kundizzjoni li tiġi fuqhek bħal ħabta u sabta.
Dan l-istrajk seħħ ftit tal-ġimgħat wara li l-istess union ordnat strike ieħor lix-xufiera tal-ambulanzi minħabba li xufier ma’ kienx tħalla jikkanċella ġurnata leave.