Il-UEFA ma laqgħatx it-talba taċ-champions Maltin, Ħamrun Spartans biex il-logħba tat-tieni leg fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League tintlagħab fi grawnd newtrali.
B’dan ifisser li l-logħba ta’ nhar it-Tlieta bejn it-tim Ħamruniż u Maccabi Haifa se tintlagħab f’Haifa fl-Iżrael.
Din id-deċiżjoni mill-UEFA ġiet wara li Ħamrun Spartans talbu biex il-logħba tintlagħab fi grawnd newtrali wara l-inċidenti li seħħew nhar it-Tlieta li għadda f’Ta’ Qali, fejn fosthom inwadbu flares minn partitarji Iżraeljani.
Ilbieraħ, l-istess UEFA ħarġet erba’ akkużi fil-konfront tat-tim Iżraeljan u tnejn oħra fil-konfront tat-tim Malti.
B’rabta ma’ dak li ġara fis-Centenary Stadium, tressqu żewġ Iżraeljani l-Qorti, fejn ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom u ngħataw sentenza sospiża u multa.