Waqt li indirizza attivitá politika taħt it-tinda f’Ħal Għaxaq, il-Prim Ministru Joseph Muscat beda billi tkellem dwar il-proġett kbir infrastrutturali tal-mina bejn Malta u Għawdex. Huwa saħaq li issa l-Partit Nazzjonalista jidher li qed jieħu u-turn. Stqarr li dan juri kemm l-Oppożizzjoni m’għadiex waħda affidabbli u wieħed ma’ jistax jafda fuqha. Saħaq li fl-elezzjonijiet tal-2013 il-Partit Nazzjonalista kien donnu ċert li jrid din il-mina u wara li saru l-istudji, fl-elezzjonijiet tal-2017 l-Partit Nazzjonalista ukoll kien wiegħed li dan il-proġett kellu jsir.
Il-Prim Ministru saħaq li wara li l-Parlament kollu vvota favur li ssir din il-mina, il-Kap tal-Oppożizzjoni stqarr li issa jrid jara l-istudji u għandu d-dubji. Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li din hija xiehda li l-Opożizzjoni ma tistax toqgħod fuqha u wara li jwiegħdu xi ħaġa meta jiġu għas-si u n-no ma jwettqux. Qal li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jwiegħed din il-mina lill-Għawdxin mill-2010 u issa reġa bdielhom. Għall-kuntrarju tal-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru stqarr li l-Gvern ma jidħaqx bil-poplu.
Dr Muscat qal kif dan il-gvern għandu viżjoni, għandu l-għaqda u għandu l-konsistenza. Tlett elementi importanti fit-tmexxija ta’ pajjiż.
Stqarr li waħda mill-iżjed miżuri li se tħalli effett lill-familji hija li kull familja se tiffranka mal-€200 fuq kull wild f’eżamijiet wara li dawn issa huma b’xejn.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-manifest li tnieda il-bieraħ mill-Partit Laburista. Stqarr li fl-għaxar punti ewlenin tal-manifest inġabru l-iżjed fatturi li jħallu d-differenza f’ħajjet in-nies. Iżda qal ukoll li mill-manifest jidher ċar li fil-ħidma Ewropea, Malta verament se tkun f’qalbna.
F’intervent ieħor il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Ħal Għaxaq huwa eżempju ċar ta’ lokalità li fih l-Partit Nazzjonalista ma riedx li jsiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali hekk kif ikkontesta kandidat Nazzjonalist wieħed biss. Stqarr li dan mhux biss huwa anti-demokratiku iżda huwa disrispett kbir lejn il-votanti li ssoltu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Saħaq li issa l-elettorat jista’ juża l-vot bħala protesta għall-din l-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista.
Fuq il-ħidma tal-Gvern Lokali, il-Prim Ministru saħaq li hekk kif it-toroq kollha tal-pajjiż se jkun qed jagħmilhom l-gvern, b’mod awtomatiku l-Kunsill Lokali se jkollhom aktar flus x’jonfoq fi proġetti oħrajn.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li l-Kap tal-Oppożizzjoni bħalissa l-barranin qed ipinġihom bħala l-għadu tal-Maltin u qed jipprova jdaħħal l-idea f’moħħ in-nies li jista’ jkun hemm xi tip ta’ kwota ta’ kemm jidħlu nies ewropej minn barra. Madankollu din hija idea redikola hekk kif parti mir-regoli tal-Unjoni Ewropea hija l-liberta’ li l-ewropej jiġu f’pajjiżna b’mod liberu.
Dr.Muscat stqarr li għall-kuntrarju ta’ dak li jgħid l-Kap tal-Oppożizzjoni l-barranin qed jiġu għax hawn ix-xogħol u mhux viċi versa. Stqarr li filwaqt li kull xogħol fih id-dinjità tiegħu , kif il-ġenituri jixtiequ lit-tfal tagħhom ikollhom l-aqwa xogħlijiet hekk jixtieq il-Prim Ministru għall-Maltin.
Stqarr li filwaqt li tgħin ma tistax tgħabbi lil dak li jkun iżjed milli jiflaħ iġorr. Min naħa l-oħra qal li n-nies li għandhom bżonn tal-Housing Soċjali hemm bżonn ngħinuhom. Qal li meta daħal il-Partit Laburista fil-Gvern waħda mis-sitwazzjonijiet li kienet tissemma’ kienet li kellna ħafna postijiet vojta, għaliex ma kienx hawn domanda.
Illum tant inbiddlu l-affarijiet li m’hawn postijiet vojta u għalhekk l-Gvern irid jaħdem bi pjan. Il-gvern jaf li hawn problema iżda l-gvern huwa l-iktar wieħed li jista’ jagħmel differenza meta mqabbel mal-Partit Nazzjonalista li f’25 sena m’għamel xejn f’dan il-qasam.
Tkellem ukoll dwar il-qasam tal-isport u qal kif dan huwa qasam spejċjali u parti mill-mod ta’ kif l-pajjiż jidher ma’ pajjiżi oħrajn. Qal li d-dixxiplina tiġi mill-edukazzjoni u l-i stat se jkun qed jgħin l-atleti maltin biex jagħmlu dan l-isforz. Saħaq fuq l-importanza ta’ mentalità rebbieħa u strateġija fit-tul.
Il-Prim Ministru fl-aħħar nett qal li l-Partit Nazzjonalista qed jipprova jilgħab b’moħħ l-elettorat qisu jekk ma joħorġux jivvutaw in-nies il-Partit Laburista xorta jirbaħ. Dan mhux minnu u stqarr li hemm bżonn sabiex kull min irid juri l-qbil tiegħu mal-ħidma tal-Gvern irid joħroġ jivvota.