Melvin Debono, magħruf bħala “il-Quws”, ma nstabx ħati li poġġa l-ħajja ta’ anzjana f’periklu meta spara fuq il-bieb tar-residenza tagħha, f’Raħal Ġdid.
Il-każ seħħ f’Novembru tal-2017 meta persuna sparat tir minn karozza tal-għamla Mercedes, fuq il-bieb tad-dar tal-anzjana.
Fil-Qorti ħareġ li l-karozza kienet irreġistrata fuq missier Debono, iżda kienet proprjetà ta’ ibnu.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, ma sabitx lil Debono ħati għax spjegat li ħadd mix-xhieda ma qal li kien l-istess Debono li spara fuq il-bieb tad-dar.
Il-Maġistrat qalet li ladarba ma setgħetx tikkonkludi li kien hu li kien qed isuq il-karozza, ma setgħetx issibu ħati ta’ dawn l-akkużi.