‘Nilagħbu bis-7 Noti’, il-quiz show fuq ONE Radio li qanqal interess kbir matul is-sajf li għadda, wasal fil-finali tiegħu, hekk kif erba’ finalisti se jikkompetu fl-aħħar programm li jixxandar it-Tnejn mis-7:00 ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Matul kull episodji, il-parteċipanti riedu jipprovaw l-għarfien tagħhom fil-mużika fl-inqas ħin possibbli.
Wara l-aħħar episodju tal-Ħamis li għadda, fejn saret l-aħħar semifinali, saru magħrufa l-ismijiet ta’ dawk li issa jridu jaffrontaw lil xulxin għall-premju finali, xejn inqas minn mini cruise għal żewġ persuni fuq bastiment tal-MSC.
‘Nilagħbu bis-7 Noti’, li beda fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju li għadda, tella’ sensiela ta’ programmi ġimgħa wara oħra fil-fażi tan-knockout minn fejn ikkwalifikaw tmienja minn total ta’ 16-il parteċipant għas-semifinali.
Imbagħad minn kull wieħed mill-erba’ programmi f’din il-fażi ħareġ rebbieħ kull darba. Dawn huma l-parteċipanti Amy Schembri, Sandra Zammit, Mandy Spagnol u Josef Camilleri.
F’kummenti li għaddew, l-erba’ finalisti lkoll esprimew il-gratitudni tagħhom għal din l-esperjenza eċċitanti, waqt li faħħru anke l-organizzazzjoni mill-aqwa u awguraw li jkun hemm iżjed programmi simili ’l quddiem.
Il-moħħ wara dan il-kwiżż hu David Muscat, bl-għajnuna ta’ Etienne Micallef, li hu l-quiz master, u l-ko-preżentatur Ray Grech. Magħhom jingħaqdu wkoll Cosette Baldacchino u Shana, bħala parti mit-tim tal-produzzjoni.