L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna ħabbar li mit-13 ta’ Ġunju se terġa’ tibda ssir il-quddiesa għall-komunità fil-knejjes kollha f’Malta u f’Għawdex.
Dan permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.
L-Isqof qal: “Tkun ħaġa sabiħa li dakinhar tal-festa solennti tal-ġisem u d-demm ta’ Ġesù, il-festa tal-Ewkaristija, aħna nerġgħu nibdew niċċelebraw l-Ewkaristija fil-miftuħ, l-Ewkaristija fil-knejjes tagħna u nilqgħu lin-nies biex jisimgħu l-kelma ta’ Alla, jiċċelebraw l-għaqda ta’ bejniethom u jirċievu Ġesù fl-Ewkaristija.”
Il-quddies se terġa’ tibda ssir imsejsa fuq tliet prinċipji ta’ mitigazzjoni: li tinżamm id-distanza soċjali meħtieġa, li tintlibes maskra jew visor, u li tinżamm l-iġjene fosthom bil-ħasil regolari tal-idejn.
Tliet prinċipji ta’ mitigazzjoni biex tiġi ċċelebrata l-quddies fil-knejjes:
- Tinżamm id-distanza meħtieġa
- Tintlibes maskra jew visor
- Tinżamm l-iġjene
Fil-fatt, it-tqarbin se jsir b’dawn it-tliet prinċipji, billi s-saċerdot ikun liebes visor u jqarben mingħajr ma jmiss l-idejn.
L-Arċisqof sostna: “Tajjeb li biex it-tqarbin isir b’ċertu dinjità, wieħed juża l-visor għax il-visor tista’ tgħollih, titqarben, imbagħad terġa’ tniżżlu.”
L-Arċisqof spjega li fil-knejjes se jsir kalkolu skont il-metri tal-knisja biex bih jiġi determinat kemm nies jistgħu jkunu preżenti għall-quddies ħalli jiġi rispettat il-kunċett tad-distanza.
Ġie deċiż ukoll li se tibqa’ tingħata d-dispensa għall-obbligu tal-quddies.
Dan ifisser li min ma jistax jattendi għall-quddies fil-knisja minħabba bosta raġunijiet – fosthom dawk ta’ vulnerabbiltà minħabba l-età jew xi mard – m’għandux għalfejn iħossu mtaqqal, u jsegwi l-quddies minn fuq il-mezzi tax-xandir, hekk kif din se tibqa’ tixxandar b’dan il-mod.
L-Arċisqof qal li issa se jibda d-djalogu mal-Kappillani biex mhux biss jiġi diskuss kif se jitħarsu d-direttivi, imma biex l-affarijiet isiru b’ordni.
Spjega kif dawn id-deċiżjonijiet ittieħdu bbażati fuq il-prinċipji tar-responsabbiltà u l-karità, biex filwaqt li tiġi mħarsa s-saħħa tal-pubbliku, l-Ewkaristija tkun okkażjoni fejn wieħed jikber fis-saħħa, fir-ruħ u fil-ġisem.
L-Arċisqof irringrazzja lill-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa għad-djalogu kostruttiv li sar u għad irid isir biex ’il quddiem jitħabbru aktar deċiżjonijiet li jkunu jistgħu jittieħdu skont iċ-ċirkostanzi.
Huwa qal: “Nistidinkom biex niċċelebraw corpus fit-13 u l-14 ta’ Ġunju bil-preżenza tagħna fil-knejjes dejjem skont id-dixxiplina rikjesta, u nitolbu b’mod speċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ li qed jistennew b’ħerqa li jirċievu s-sagrament tal-Ewkaristija, it-tqarbina għall-ewwel darba, u dawk l-adoloxxenti li qed jistennew li jirċievu s-sagrament tal-griżma tal-isqof. Nawgura li dan is-sajf aħna nkunu nistgħu nwettqu x-xewqa kbira tagħhom.”