Taħt Gvern Laburista l-qtugħ fil-provvista ta’ dawl naqas b’61% dan hekk kif fl-aħħar erba’ snin, Enemalta plc wettqet investiment li jlaħħaq mal-€100 miljun biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’pajjiżna.
Fil-fatt dan l-investiment ħalla l-frott mixtieq hekk kif permezz ta’ żieda fil-konnessjonijiet, Enemalta plc illum għandha aktar flessibilità u qed twieġeb b’mod aktar effiċjenti għaż-żieda fid-domanda għall-elettriku. Apparti dan, l-Enemalta għamlet tibdil ta’ apparat antik li kien ilu ma jinbidel għexieren ta’ snin.
Din il-ħidma li wettqu l-ħaddiema ta’ din il-kumpanija ħalliet ir-riżultati, dan hekk kif meta mqabbel mas-sitwazzjoni preċedenti, jiġifieri qabel beda l-investiment fl-2013 il-qtugħ ta’ dawl naqas b’61%.
Dan qalu l-Ministru għall-enerġija u l-immaniġġjar tal-ilma, Joe Mizzi, fi tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jean-Pierre Debono.