Fawez Najam, Sirjan ta’ 25 sena, il-vittma f’omiċidju li seħħ aktar kmieni dan ix-xahar, kien parti minn grupp ta’ tmint irġiel li marru għall-akkużat .
Dan intqal mill-Ispettur stazzjonat fid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, Shawn Pawney, fil-Qorti ta’ Għawdex, hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Maher Aljasem, Sirjan ieħor ta’ 24 sena, li huwa akkużat b’dan l-omiċidju.
Fil-Qorti ntqal lidawn kienu armati kemm bi njam u anki b’metall.
Fil-Qorti, l-Ispettur Pawney xehed li dakinhar tas-7 ta’ Mejju huwa ġie infurmat li, għall-ħabta tad-9 ta’ filgħaxija, seħħet ġlieda f’Marsalforn. Hemmhekk, il-vittma, bl-isem ta’ Fawez Najam, ittieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex b’karozza minn tliet Sirjani u l-vittma miet mal-ewwel.
Hawnhekk, il-Pulizija tkellmet ma’ dawn tal-aħħar u sar magħruf li din il-ġlieda kienet seħħet wara ġlieda oħra li seħħet filgħodu u li x’aktarx kienet minħabba xi flus.
Intqal li wieħed minn dawk li wasslu lill-vittma l-isptar qal li huwa kien mar iferraq lill-akkużat u lill-vittma waqt li kienu qed jiġġieldu. Minħabba hekk, anki huwa qala’ daqqa b’xi ħaġa li taqta’.
Imbagħad, l-argument kompla barra mill-appartament, ħdejn garaxx fil-Wied ta’ Marsalforn.
Intqal kif l-akkużat kellu wkoll daqqiet, imma mhux daqqiet ta’ sikkina.
L-Ispettur Pawney xehed li l-akkużat qal li qala’ daqqa ta’ briksa u qal li s-sikkina f’dan l-omiċidju baqgħet ma nstabitx. Il-Pulizija qed jevalwaw il-filmati minn kameras tas-sigurtà li hemm fil-madwar, bil-filmati kollha jinsabu f’idejn il-pulizija.