Fl-anniversarju tal-170 sena mit-twelid tal-Kavallier Ġużè Muscat Azzopardi il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi se jtella’ lejla Mużiko-Letterarja, taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tiegħu George Vella, President ta’ Malta, nhar it-Tlieta, 12 ta’ Settembru, fis-7 ta’ filgħaxija.
Il-programm se jinkludi feature bl-isem ta’ Il-Vjaġġ ta’ Ħajtu, b’kitba u produzzjoni ta’ Doris Zammit, kunsillier fl-istess Kunsill ta’ Ħal Qormi, kif ukoll mużika mill-grupp folkloristiku minn Għawdex, Ta’ Verna u qari mix-xogħol letterarju ta’ Ġużè Muscat Azzopardi.
Din is-serata se tittella’ f’Misraħ il-Kittieba, f’Ħal Qormi eżattament quddiem il-monument tal-istess Ġużè Muscat Azzopardi.
Muscat Azzopardi kien Kavallier, Rumanzier, poeta, politiku u kritiku tat-teatru, mwieled f’Ħal Qormi.
Huwa kien ukoll l-ewwel President tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, li ħajjar għall-kitba bil-Malti lill-poeta nazzjonali tagħna Dun Karm Psaila, lill-poeta Anastasju Cuschieri u lil Ninu Cremona.
Kien hu li kien rappreżentant tal-ġurnalisti, ippropona l-użu tal-Malti għal dawk li ma kinux jistgħu jesprimu ruħhom bit-Taljan jew bl-Ingliż.
Wara mewtu, huwa ġie meqjus bħala Missier il-letteratura Maltija hekk kif kienu ħafna li faħħru x-xogħol tiegħu fosthom il-poeta nazzjonali, Dun Karm Psaila li kitiblu eleġija wara mewtu.