Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti ħareġ direttiva li fiha talab lill-ġudikanti biex jiddifferixxu kull proċedura jew kawża li mhiex urġenti għal wara l-11 t’April li ġej.
Id-direttiva tal-Prim Imħallef ġiet ippubblikata mill-Kamra tal-Avukati u tirreferi għall-miżuri mħabbra lbieraħ mill-Gvern u l-Awtoritajiet tas-Saħħa biex tkompli tiġi mrażżna l-imxija.
Il-Qrati se jibqgħu miftuħa iżda l-Prim Imħallef qal li bil-fatt li se jiġu diferiti kawżi mhux urġenti, se jiġu protetti l-ħaddiema fil-Qrati u n-nies jeħtieġilhom jattendu.
Il-Prim Imħallef appella lil kull ġudikant biex jevalwa l-kawżi pendenti u jittieħed il-provvediment meħtieg kemm jista’ jkun malajr biex il-pubbliku jkun mgħarraf.