Il-Qorti tal-Maġistrati ddeċidiet li għandhom jibqgħu fis-seħħ il-mandati ta’ sekwestru li saru meta nfetħu l-libelli kontra Daphne Caruana Galizia mill-Ministru Chris Cardona u l-avukat Joe Gerada. Dan wara sensiela ta’ artikli mimlija qlajjiet minn Caruana Galizia fil-konfront tagħhom.
Kien fit-tmienja ta’ Frar li l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Gabriella Vella laqgħet mandati li kienu jlaħħqu s-€46,000. Caruana Galizia appellat minn din id-deċiżjoni u meta fil-23 ta’ Frar kien hemm is-seduta fejn instemgħet it-talba tagħha biex il-mandati jkunu mħassra, għamlet plejtu u telqet ‘il barra mill-awla.
Illum il-Maġistrat Francesco Depasquale ta d-deċiżjoni tiegħu, li permezz tagħha l-mandati kawtelatorji se jibqgħu fis-seħħ.