Raymond Cordina ta’ ħamsa u ħamsin sena u ibnu Eman Cordina ta’ sebgħa u għoxrin sena minn Pembroke ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li wieġbu mhux ħatja li ħebbew, attakkaw u rreżistew lill-Pulizija u li m’obdewx l-ordnijiet tagħhom filwaqt li kissru l-paċi pubblika.
Fil-Qorti l-ispettur Kevin Pulis spjega li ħames pulizija pajżana kienu fit-triq fejn tgħix il-familja Cordina wara li ssejħu biex jikkalmaw argument bejn koppja li kienu fl-imsemmija triq.
Bil-karozza tal-pulizija kienet ipparkjata quddiem il-garaxx tal-familja Cordina u għalhekk meta Eman Cordina wasal bil-karozza tiegħu ma setax jidħol fil-garaxx. Kien f’dan il-punt li uffiċjal tal-Pulizija qal lill-akkużat li se jġib iċ-ċavetta, iżda Eman beda jkellmu ħażin. Dan filwaqt li x’ħin marru l-uffiċjali tal-pulizija l-oħra ħdejn il-garaxx tal-akkużat inqala’ argument akbar.
Fil-Qorti instemgħa kif Raymond, il-missier, daħal fl-argument wara li mit-tieqa allegatament ra grupp ta’ irġiel jerfgħu jdejhom fuq ibnu. Bl-avukat difensur qal li l-akkużat ma ntebaħx li kienu Pulizija pajżana u li qal lil martu biex sakemm jinżel jgħin lil ibnu, iċċempel lil Pulizija.
Bil-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest li għamlu l-avukati difensuri. Iżda l-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ ħames mitt ewro kull wieħed u garanzija personali ta’ tliet elef ewro u diversi kundizzjonijiet.