Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff widdbet lid-difiża ta’ Yorgen Fenech, is-suspettat mandant bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex ma taħlix il-ħin tal-Qorti. Dan wara li t-Tlieta filgħodu kompliet il-kawża Kostituzzjonali li fetaħ in-negozjant Yorgen Fenech kontra l-Kummissarju tal-Pulizija għax ma jridx lill-Kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji l-ispettur Keith Arnaud ikompli jinvestiga l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li wassal għall-arrest tiegħu.
Fis-sedutat preċedenti, Fenech kien xehed fil-kawża stess biex l-Ispettur Arnaud ma jkomplix bl-investigazzjoni għax skontu għandu rabtiet mill-qrib mal-eks chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembi.
Iżda fis-seduta tat-Tlieta filgħodu li ma ħaditx aktar minn 11-il minuta, l-Avukati ta’ Yorgen Fenech, Marion Camilleri mill-uffiċċju ta’ Franco Debono u Gianluca Caruana Curran mill-uffiċċju tal-familja De Marco ressqu biss biex jixhed rappreżentant ta’ Jobsplus.
Huwa ppreżenta karta tal-aġenzija tax-xogħol dwar persuna li isimha ma jistax jissemma’ fuq ordni tal-qorti, għax m’għandhiex x’taqsam mal-każ.
L-Avukat Camilleri, qalet li dik kienet l-evidenza li kellha għal-lum.
Kien hawn li l-Imħallef Mintoff deher iwiddeb lill-avukati ta’ Fenech u qalilhom li l-qorti llum fetħet biss biex tisma’ dan il-każ biex tisma’ x-xhieda u ta ġurnata żmien biex tiġi indikata l-lista ta’ xhieda li fadal.
L-Imħallef Mintoff qal lill-avukati difensuri sabiex ikunu ċari u jekk m’hemmx provi, jitkellmu ċar u jgħidu li m’hemmx provi.
Huwa staqsa wkoll lill-Avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jistgħux jagħmlu l-kontro-eżami iżda wieġbu fin-negattiv għax ingħad li ma kinux imħejjija għal dan.
Is-seduta ġiet aġġornata għas-sbatax ta’ Diċembru biex isir il-kontro-eżami ta’ Yorgen Fenech.