Lejliet il-festa ta’ San Patrizju, l-Qorti waqfet dak li kellu moħmi s-Sindku ta’ San Ġiljan u li rrabja mhux ftit lis-sidien tal-istabbilimenti li tul is-snin rawmu din il-festa fil-bajja ta’ Spinola.
Din is-sena l-Kunsill ta’ San Ġiljan iddeċieda f’tebqa’ t’għajn li jgħaddi l-organizzar tal-festa ta’ St Patrick’s lil Massive Promotions, kumpanija li ġieli juża l-Partit Nazzjonalista għall-attivitajiet tiegħu.
Mis-smigħ fil-Qorti rriżulta li kienu s-sidien tal-kumpanija li marru għand il-Kunsill biex jorganizzaw l-attività u dan qal iva mingħajr ma ħasibha wisq.
Skont is-Sindku, Guido Dalli, dan sar għax il-kumpanija kienet se tieħu ħsieb l-ispiża tat-tindif u kienet se ddoqq mużika Irlandiża li skont hu kienet se tkun inqas distrubanti. Xi ħaġa li ma rriżultatx mis-smigħ fil-Qorti għaliex kienu qed ikunu reklamati djs li jdoqqu tip ta’ mużika ieħor.
Dwar dan kien diġa’ kien hemm twissija mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali, anke minħabba l-valur finanzjarju tal-attività. Iżda, il-Kunsill Lokali baqa’ għaddej.
Il-Qorti nnotat li l-kumpanija kienet se tikri 25 mobile toilet, tħallas 20 security u ħames pulizija kif ukoll tarma palk u tikri apparat.
Iktar minn hekk jirriżulta li lanqas kien maħsub li din tkun okkażjoni unika bil-ħsieb kien li din is-sena tkun prova biex jingħata kuntratt ta’ tliet snin.
Il-Qorti nnotat kif l-attività kienet maħsuba għal fetħa bejn l-istabbilimenti Saddles, Ryans u Tuglio u għalhekk hu kien se jispiċċa jgawdi minn udjenza li diġa’ rawmu huma. Fi kliem il-Qorti “bl-għaraq ta’ xbinhom fuq medda ta’ snin”
Hawn il-Qorti ddikjarat li jekk ried din it-tip ta’ attività l-Kunsill Lokali kellu joħroġ sejħa ta’ interess fejn kull min kien interessat seta’ jieħu sehem fi proċess miftuħ u trasparenti.
Il-Qorti qalet li n-nuqqasijiet kienu numerużi u gravi u nnotat kif Kunsill Lokali għandu jkun xempju għaċ-ċittadin. “Għalhekk kull nuqqas jħalli warajh togħma ħażina, suspetti, riżentiment u sens ta’ nuqqas li ma jagħmel ġid għal ħadd,” qalet il-Qorti f’każ fejn is-sidien tal-ħwienet kienu rappreżentati mill-avukat Luciano Busuttil.