Digriet mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili waqqaf parzjalment lill-Unjin Ħaddiema Magħqudin, l-UHM milli tagħmel azzjonijiet industrijali li jidhru li huma ta’ periklu għas-saħħa pubblika.
F’sentenza tal-Imħallef Grazio Mercieca, ġie elenkat numru ta’ direttivi li mal-ewwel daqqa t’għajn, b’mod oġġettiv jidhru li huma ta’ periklu għas-saħħa pubblika.
Fost dawn id-direttivi kien hemm l-ordni lix-xufiera tal-ambulanzi sabiex jillimtaw xogħolhom għas-sewqan tal-ambulanzi u ma jassistux lill-paramediċi.
Hemm ukoll numru ta’ direttivi li kienu jolqtu lil radiographers u liċ-ċentru Nazzjonali għall-iscreening tas-sider, fost l-oħrajn.
Dan wara li f’każ bejn is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa u l-UHM, saru l-argumenti li l-azzjonijiet industrijali m’għandhomx bażi fil-liġi u li huma sproporzjonati u eċċessivi speċjalment minħabba l-pressjonijiet li l-pandemija tal-Covid-19 ħolqot fuq is-servizz tas-saħħa pubblika u li għalhekk ser jikkawżaw dannu irreperabbli għall-pazjenti.
Fost l-argumenti li għamlet il-unjin, huma qalu li huma minn ewl id-dinja li l-azzjonijiet industrijali joħolqu inkonvenjent għaliex dak hu l-iskop tagħhom.
Il-Qorti għamlet referenza għas-sentenza deċiża f’Diċembru li għadda fil-każ bejn is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa kontra l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN.
Hawnhekk il-Qorti kienet qieset illi filwaqt li d-dritt tal-azzjoni industrijali għandu jiġi rispettat u li m’għandux jiġi mxekkel, fl-istess ħin il-Qorti hija tal-fehma li għal raġunijiet gravi bħal ma huma dawk li jolqtu s-servizzi essenzjali, id-dritt għandu l-limitazzjonijiet tiegħu speċjalment fejn jolqtu s-saħħa tal-pazjenti.
Dan b’mod speċjali meta bħalissa ninsabu f’nofs il-pandemija tal-Covid-19.