L-Avukat Ġenerali waqqgħet akkuża ta’ attentat ta’ qtil kontra Aidan Bartolo ta’ 26 sena.
F’Diċembru tal-2021 iż-żagħżugħ kien inqabad mistoħbi fil-ħaxix għoli tal-Miżieb wara li għamel mas-sitt sigħat imfittex. Huwa kien segwit mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u tal-Ispecial Intervention Unit fil-Mellieħa u meta nduna bil-preżenza tal-Pulizija pprova jaħrab b’karozza tat-tip Mazda Demio.
Meta l-Pulizija bdiet tiġri warajh u pprovat twaqqfu, il-Pulizija sparat tiri lejn il-karozza tiegħu. Bartolo l-ewwel saq għal fuq il-karozzi tas-servizz, imbagħad ħareġ mill-vettura u ħarab bil-ġiri lejn il-Miżieb.
Sadanittant, id-deċiżjoni tal-Qorti tfisser li issa Bartolo mhux se jkun qed jiffaċċja ġuri u, kemm-il darba jinstab ħati fuq l-akkużi l-oħrajn, is-sentenza tinżel għal waħda li ġġorr massimu ta’ disa’ snin ħabs, minflok massimu ta’ 40 sena ħabs kif kien qed jiffaċċja.
Wara l-arrest, Bartolo beda jiffaċċja, fost l-oħrajn, akkuża ta’ attentat ta’ qtil ta’ uffiċjali tal-Pulizija, li saq b’mod traskurat, li weġġa’ uffiċjali pubbliċi u li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija.
Hu qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi u attwalment jinsab barra fuq bail.