Il-Qorti ordnat lill-Malta Union of Midwives and Nurses (l-MUMN) sabiex tissospendi minnufih, provizorjament, l-azzjonijiet industrijali li ordnat lill-infermiera u l-qwiebel li joperaw fis-servizz tas-Saħħa pubblika.
Il-Qorti, ippresjeduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey, ħadet din id-deċiżjoni wara li l-Ministeru għas-Saħħa, permezz tas-Segretarju Permanenti Joseph Chetchuti, issottometta mandat ta’ inibizzjoni fil-konfront tal-istess unjin.
L-azzjonijiet maħruġa mill-MUMN daħlu fis-seħħ it-Tnejn li għadda u kienu mifruxa madwar l-Isptar Mater Dei, l-Isptar Monte Karmeli, ir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule, l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u ċ-Ċentri tas-Saħħa madwar Malta u Għawdex.
Il-membri tal-MUMN ġew ordnati jirrifjutaw pazjenti ġodda u trasferimenti tal-pazjenti minn sala għall-oħra, għajr għal xi eċċezzjonijiet. Fiċ-Ċentri tas-Saħħa, il-membri tal-MUMN ġew ordnati jillimitaw il t-teħid tad-demm u s-servizz tal-infaxxar tal-ġrieħi.
Dawn l-azzjonijiet daħlu fis-seħħ b’ reazzjoni għal talbiet li qed tagħmel l-MUMN b’rabta mal-ftehim kollettiv li jmiss u li jidħol fis-seħħ 18-il xahar ieħor.
Il-Ministeru għas-Saħħa ssottometta l-mandat ta’ inibizzjoni fid-dawl tal-isproporzjonalità tal-azzjonijiet, tan-nuqqas ta’ leġittimità tagħhom, u fuq kollox biex il-pazjenti jitħarsu mir-riperkussjonijiet ta’ dawn l-azzjonijiet.