L-Imħallef Giovanni Grixti ordna li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, b’effett immedjat jingħata aċċess għall-partijiet ta’ fejn jissemma fl-inkjesta maġisterjali tal-Vitals.
L-Imħallef ordna li d-dokumentazzjoni, li għandha tiġi esebita, għandha wkoll tinżamm fis-sigrieta tal-istess Imħallef. Tali dokumenti għandhom jibdew mill-mument li isem l-eks Prim Ministru jissemma sal-aħħar tal-investigazzjoni.
Dr Grixti ordna lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex jagħti aċċess għal din id-dokumentazzjoni hekk kif tenna li ma jistax jasal għal konklużjoni dwar il-kawża li qed jippresiedi.
F’din il-kawża Kostituzzjonali, Dr Muscat qed isostni li d-drittijiet tiegħu nkisrulu billi l-Maġistrat Gabriella Vella mexxiet bl-inkjesta fil-konfront tiegħu. Għalhekk l-Imħallef Grixti rrimarka kif l-inkjesta hi evidenza għal dak li qed jallega Dr Muscat.
Madankollu, l-istess Qorti ordnat li l-partijiet, li ma jikkonċernawx lill-eks Prim Ministru, għandhom jinżammu mill-Avukat Ġenerali.
L-Eks Prim Ministru qed jigi assistit mill-Avukati Charlon Gouder u Vince Galea.
Sadanittant, iżjed tard waqt intervista fuq FLiving, Dr Muscat tenna li, ladarba jintemm kollox, hu, il-Partit Laburista u anke l-pajjiż se joħorġu aktar b’saħħithom, filwaqt li se jitkisser għal kollox min hu wara din il-gidba.
Qal li hekk ġara fl-Inkjesta Egrant u hekk se jerġa’ jiġri issa.
Tenna b’konvinzjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, se jirriżulta li saret froġa u min hu warajha se jispiċċa jaħrab mill-pajjiż, kif għamlet Maria Efimova, u wara se jitlob li l-€11-il miljun li ġiet tiswa l-inkjesta jitħallsu min-nies li instigaw dan kollu u mhux mill-poplu.
Dr Muscat fisser li l-mod kif saru l-affarijiet kellu l-ħsieb li ħafna nies jitwerwru u l-Gvern u l-pajjiż jispiċċaw paralizzati.
Iddeskriva wkoll bħala “daqqa żleali ħafna” fil-konfront tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne biex jiġi mfixkel milli jieħu l-kariga li tistħoqqlu ta’ Kummissarju Ewropew u bħala sforz biex bniedem onest bħalma hu Edward Scicluna jiġi mġiegħel jirriżenja minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali.