Il-Qorti ħarġet ordni biex jinqerdu 10.5 miljun sigarett falz li lura fit-28 ta’ April inqabdu deħlin fil-Port il-Ħieles permezz ta’ kontejner.
Is-sejba li saret mid-Dwana ta’ Malta, kienet tikkonsisti f’1,050 kaxxa, fejn f’kull kaxxa kien hemm 10,000 sigarett tal-marka Karelia. B’kollox l-ammont totali kien dak ta’ 10.5 miljun sigarett.
Kienet il-kumpanija Griega Karelia li fetħet il-kawża kontra żewġ kumpaniji. Waħda fil-Vietnam u oħra li tinsab fil-Libja. Kien permezz ta’ affidavit li ġie kkonfermat minn naħa tal-kumpanija li s-sigaretti maqbuda ma kinux immanifatturati minnha, u kienu ffalsifikati.
Kien għalekk li l-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti li ordnat il-qerda ta’ dawn is-sigaretti bl-ispejjeż kollha relatiti mal-kawża u l-każ jiġu mħallsa mill-kumpaniji li ffalsifikaw is-sigaretti.