Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, ipperseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, ordnat li jinqerdu 2,400 par żarbun falz li waslu Malta s-sena l-oħra.
Il-kumpanija Amerikana Nike fetħet kawża kontra l-kumpanija Ċiniża Jinhai Import and Export u l-kumpanija Niġerjana SARL Bouzid Trad Annane Hachemi.
Iż-żraben kienu nħattew fil-Port Ħieles minn fuq bastiment li daħal Malta fis-17 ta’ Mejju tal-2021.
Kienu uffiċjali tad-Dwana li sabu din il-kunsinna f’kontejner u ġihom suspett li ż-żraben ma kinux tad-ditta oriġinali. Eventwalment, eżaminazzjoni li kienet saret uriet li ż-żraben kienu, fil-fatt, foloz.
Għaldaqstant, il-Qorti ordnat lid-Dwana biex teqred il-merkanzija fi żmien 90 jum mid-data tas-sentenza, bl-ispejjeż kollha jitħallsu mill-importaturi.