Il-Qorti ordnat li jitneħħew stqarrijiet tal-eks Pulizija li qed jiġi mixli bi stupru ta’ kollega mara fl-għassa tal-Imsida fl-2018. Dan wara li d-difiża ġibdet l-attenzjoni tal-Qorti li, meta ngħatat it-tieni stqarrija, l-inferenza tneħħiet u għalhekk il-Qorti għandha tisfilza din l-istqarrija.
Dan ħareġ hekk kif il-Ħamis filgħodu kompla l-ġuri tal-eks pulizija li huwa akkużat li stupra kollega tiegħu fl-Għassa tal-Imsida.
L-akkużat ġie mistoqsi jekk għamilx atti sesswali u jekk dawn kinux kontra l-volontà tal-allegata vittma. Huwa wieġeb li għamel atti sesswali iżda dawn ma kinux kontra l-volontà tagħha.
Meta l-avukat staqsa lill-allegat aggressur kif seħħew l-atti sesswali, huwa wieġeb kif ġiet l-allegat vittma u “għamlitlu espressjoni”, u tatu x’jifhem li seta’ jbusha fuq ix-xoffa u huwa għamel hekk. Qal li hi kompliet tbusu.
Qal ukoll li daħħlitu fil-kamra tas-surġenti, fejn għamlu atti sesswali u ma qaltlu jieqaf fl-ebda ħin. Finalment ,żied jgħid li hija kkummentatlu fil-pożittiv.
L-allegat aggressur sostna li meta tkellmu dwar l-atti sesswali, iddeċidew li l-ħaġa tibqa’ bejniethom, speċjalment minħabba missier it-tifel tal-allegat vittma u s-sieħba tal-akkużat.
Meta ġie mistoqsi jekk kienx kellimha ħażin jew heddidha, huwa wieġeb li le. Kompla jgħid li darba kellhom argument fuq xogħol.
Quddiem il-Qorti huwa talab skuża u saħaq li jekk hemm xi għajnuna li jista’ joffri, lest li jagħtiha u lest li jfittex l-għajnuna hu wkoll jekk ħoloq xi skumdità.