Il-Qorti ordnat sabiex immigrant mill-Kosta tal-Avorju jibqa’ jinżamm f’ċentru ta’ Detenzjoni. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara rikors li fetaħ l-avukat Joseph Mifsud immirata biex toħroġ lill-immigrant mid-detenzjoni.
Fil-Qorti l-Ispettur Lara Butters li mexxiet il-Prosekuzzjoni argumentat li r-raġel inharġlu Ordni tar-Ritorn fi Frar li għadda u li l-immigrant m’appellax għal din id-deċiżjoni kif kellu kull dritt li jgħamel. L-Ispettur Butters kompliet tispjega kif skont il-liġi, l-immigrant għandu jibqa’ jinżamm miżmum ġo faċilità magħluqa sakemm l-awtoritajiet Maltin iġibu d-dokumenti tiegħu mill-pajjiż tal-oriġini sabiex ikun jista’ jintbagħat lura.
Fil-Qorti xehdet persuna li ntqal li hija oħt il-vittma madankollu l-mara naqset milli tipprovdi forma ta’ identifikazzjoni u sussegwentement ġie kkonfermat ukoll li fil-fatt din il-persuna mhux vera hija oħtu bil-Qorti tinnota li r-raġel pprova jiżgwida lill-Qorti.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti nnutat ukoll li l-perjodu ta’ detenzjoni stipulat mil-liġi għadha ma skadiex għalhekk it-talba tiegħu ġiet miċħuda. Għaldaqstant l-immigrant rega’ ntbagħat fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal-Safi.