Ġie rrevokat il-mandat ta’ inibizzjoni li ħareġ fil-konfront tal-programm Awla li jixxandar fuq ONE biex jitwaqqaf milli jixxandar li kien se jiddikuti l-omiċidji.
Il-Qorti kienet laqgħet din it-talba li għamel Justin Borg li bħalissa qed jaffaċċja proċeduri kriminali relatati mal-qtil ta’ Chantelle Chetcuti, biex il-programm li fih kienet se tinstema’ intervista ma’ omm il-vittma, ma jixxandarx.
L-Imħallef Anna Felice, fid-deċiżjoni tagħha qalet li Justin Borg bena l-argument tiegħu fuq filmat ta’ ftit sekondi li xxandar fuq il-paġna ta’ Facebook tal-programm.
L-imħallef sostniet li dan il-filmat ma jidhirx li qed jikser id-drittijiet ta’ Borg u saħansitra qalet li l-kontenut tal-programm għadu mhux magħruf.
Għaldaqstant, il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili rrevokat id-deċiżjoni tal-Qorti li ngħatat il-ġimgħa l-oħra u ċaħdet it-talba għall-ħruġ ta’ mandat minn Justin Borg.