Il-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet it-talba tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex messaġġi u informazzjoni fuq il-mowbajl tiegħu ma jispiċċawx għand terzi persuni u mxandra mill-midja.
Nhar l-Erbgħa li għadda, l-Avukat Vince Galea, li qed jidher għal Dr Muscat, informa lill-Maġistrat Montebello li l-messaġġi fil-mowbajl ta’ Dr Muscat huma ta’ natura personali u relatati max-xogħol tiegħu.
L-Avukat Galea spjega li, waqt li l-eks Prim Ministru m’għandux problema b’dawn il-messaġġi, fl-istess ħin, dawn huma għal kollox irrelevanti għall-akkużi li hemm fil-Qorti.
Għaldaqstant, talab biex jiġi żgurat li dawn il-messaġġi ma jispiċċawx għand terzi u l-Qorti ntalbet tassigura li dan ma jiġrix. Il-Qorti ntalbet tordna li d-dejta, li kienet estratta mill-mowbajl ta’ Dr Muscat, bl-ebda mod ma tixxandar fil-mezzi kollha tal-midja u, jekk isir dan, min jippubblika xi ħaġa jkun qed juri disprezz lejn l-awtorità tal-Qorti.
L-Avukat Galea fakkar li, waqt li kienet għaddejja l-inkjesta tal-isptarijiet, kien hemm il-leaks u, għalhekk, il-Qorti kellha tieħu deċiżjoni, li torbot anke lil min mhux involut fil-kawża.
Fis-seduta tal-ġimgħa l-oħra, l-avukati difensuri l-oħrajn qalu li la għandhom bżonn il-messaġġi mill-mowbajl ta’ Dr Muscat u lanqas se jitolbuhom.
Fid-digriet, li ngħata t-Tnejn filgħodu, il-Magistrat Montebello qalet li d-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni tal-individwu kif ukoll tal-midja ma jista’ qatt jirbaħ fuq id-dritt għal smigħ xieraq fil-Qorti.
Żiedet li hu wkoll leġittimu li jiġu imposti miżuri, fosthom projbizzjonijiet, biex jiġi evitat ksur ta’ jeddijiet fundamentali tal-persuna akkużata u biex titħares l-integrità tal-investigazzjonijiet u tal-proċess kriminali.
Il-Maġistrat saħqet li l-Qorti għandha dmir li tħares l-interess tal-aħjar amministrazzjoni tal-ġustizzja fil-proċeduri quddiemha u, b’hekk, laqgħet it-talba minn Dr Muscat u ordnat id-divjett għall-iżvelar u l-pubblikazzjoni tad-dokumenti kollha li jifformaw parti mill-atti proċesswali, inkluż id-dejta diġitali kollha estrapolata minn apparati elettroniċi maqbuda matul l-inkjesta tal-isptarijiet.
Kull ksur ta’ dan id-divjett jitqies bħala disprezz lejn l-awtorità tal-Qorti u jittieħdu l-passi skont il-liġi.