Il-Qorti ddeċidiet li l-Gvern ta’ Malta u l-Kabinett tal-Ministri għandhom jiddaħħlu fil-kawża li fetħu l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u l-Eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia dwar l-isptarijiet, kontra l-Avukat tal-Istat.
Dan f’digriet li ngħata l-Ħamis filgħodu mill-Imħallef Toni Abela.
Fid-digriet tiegħu, l-Imħallef Abela filwaqt li kkwota diversi sentenzi u każijiet passat, iddeċieda li l-Gvern u l-Kabinett tal-Ministri għandhom l-interess ġuridiku sabiex jiddaħlu f’din il-kawża.
Dan hekk kif il-kawża nnifisha ssemmi kemm lill-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru u eks Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.
Fir-raġunijiet li ta, l-Imħallef aċċenna għall-akkużi tal-Oppożizzjoni u b’hekk sostna l-importanza li l-ġustizzja fil-każ ssir ma’ kull parti involuta.
Tenna wkoll li l-ħin li fih saret it-talba mill-Gvern biex jiddaħħal fil-kawża, kien ukoll importanti għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni hekk kif sostna li l-Qrati lokali dejjem iddistingwew bejn każijiet li għadhom fl-istadji inizjali tagħhom u każijiet li kienu mxew sew.
Għalhekk l-Imħallef Toni Abela tenna li hekk kif il-każ kien għadu fl-istadji inizjali tiegħu, aċċetta li l-Kabinett tal-Gvern jintervjeni bħala parti f’din il-kawża.
Għal din it-talba l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech oġġezzjonat.
Preżenti fl-awla kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.