Il-Qorti laqgħet ir-rikors tal-Gvern u naqqset għal 20 ġurnata l-perjodu ta’ appell għal Steward Healthcare fil-każ dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
F’seduta tal-Prim Awla Ċivili, ippresduta mill-Imħallef Miriam Hayman, ġie diskuss ir-rikors imressaq mill-Gvern sabiex jitnaqqas iż-żmien allokat għal Steward Healthcare biex tappella fil-każ tal-annullament tal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Ir-riskors tressaq mill-Prim Ministru, l-Avukat Ġenerali, u l-Awtorità Indis, u dik responsabbli mill-artijiet.
L-Avukat tal-Istat, Chris Soler, għan-nom tal-Prim Ministru, stqarr għaliex qiegħed iressaq dan ir-rikors hekk kif il-Qorti għandha quddiema sentenza ta’ Interess pubbliku, nazzjonali, u tal-istat minħabba li qed titkellem fuq is-servizz tas-saħħa.
Huwa żied jgħid li, sakemm ikun hemm sentenza definittiva, legalment il-partijiet qegħdin f’limbu, minħabba li jista’ jinfetaħ appell.
Għaldaqstant, l-Avukat tal-Istat stqarr li l-akkroċjament qiegħed jintalab minħabba l-portata tal-każ.
Min-naħa tagħhom, Steward Healthcare iddefendew li-pożizzjoni hekk kif, skonthom, hemm pressjoni politika fuq il-każ. Dan filwaqt li esprima l-interess li Steward jagħmlu appell fiż-żmien allokat għalihom.
Huma argumentaw li, minn meta nfteħet il-kawża, għadda ħafna żmien. Għalhekk, l-akkorċjament tat-terminu huwa wieħed mhux ġust. Saħansitra żiedu jgħidu li dan l-akkorċjament, jekk jingħata, se jkun qiegħed imur kontra d-dritt ta’ Steward Healthcare.
L-Avukat tal-Istat, iżda, wieġeb billi stqarr kif l-akkorċjament jirrifletti biss l-interess nazzjonali biex tinkiseb iċ-ċertezza legali. Huwa stqarr ukoll li dan il-każ huwa wieħed eċċezzjonali għax fl-istorja ta’ pajjiżna m’hemmx każ simili li kellu din l-importanza nazzjonali.