Il-Qorti Ċivili laqgħet mandat ta’ inibizzjoni li l-Air Malta fetħet kontra l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Piloti, l-ALPA, fid-dawl ta’ theddida ta’ strajk li jista’ jiswa lill-kumpanija ma’ nofs miljun ewro kuljum. Ir-rikors tal-Air Malta sar dalgħodu u l-Imħallef Silvio Meli appunta s-smigħ tiegħu għal għaxar t’ijiem oħra.
Fil-fatt, il-mandat jitlob li ma titteħidx azzjoni industrijali li tkun tista’ tippreġudika l-operat tal-kumpanija f’mument sensittiv ħafna, b’mod partikolari azzjoni li tipperikola s-sostenibbiltà finanzjarja. Dan f’mument fejn għaddejin ukoll negozjati ma’ sieħeb strateġiku bil-għan li l-gvern iwassal għal vijabbilità kummerċjali fit-tul. Jirriżulta li l-Air Malta qed targumenta li filwaqt li kulħadd għandu dritt għal azzjoni industrijali ma tistax tkun rikattata f’dan il-mument sensittiv.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis sostna li se jagħmel minn kollox sabiex tiġi salvagwardjata l-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta u n-negozjati li għaddejjin bħalissa sabiex l-Air Malta ssib sieħeb strateġiku. ‘‘Dan il-mandat huwa azzjoni legali kif ukoll att simboliku. Irridu nagħtu sinjal li se niddefendu l-Air Malta b’kull mod possibbli, kemm mil-lat legali kif ukoll mil-lat kummerċjali, u dan il-mandat huwa l-aħħar azzjoni li nistgħu nieħdu sabiex neżawrixxu l-pożizzjonijiet legali kollha li għandna għad-dispożizzjoni tagħna”, żied jgħid il-Ministru għat-Turiżmu.