Il-Qorti laqgħet b’mod proviżorju mandat ta’ inibizzjoni li l-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija ressaq kontra l-Unjin tal-Għalliema l-MUT sabiex jitwaqqfu l-azzjonijiet industrijali ordnati fl-MCAST inkluż strajk skedat għal Ħamis u l-Ġimgħa.
Fi stqarrija tard l-Erbgħa filgħaxija, l-MCAST qal li l-azzjonijiet industrijali ma jistgħux iseħħu waqt li għadhom għaddejin trattattivi u negozjati sabiex jigi ffirmat il-ftehim kollettiv il-ġdid, partikolarment meta in-negozjati kienu għamlu progress sostanzjali.
L-MCAST sostna li dawn id-direttivi huma abbużivi u illegali u jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-ftehim kollettiv.
Il-kulleġġ sostna li dawn azzjonijiet industrijali qegħdin isiru fiż-żmien delikat tal-eżamijiet bil-konsegwenzi kollha li dan igib miegħu fuq il-Kulleġġ u agħar minn hekk, fuq l-istudent.
Sostna li hu fid-dmir tal-management u tal-Bord tal-Gvernaturi li jissalvagwardjaw l-interess tal-isudenti speċjalment meta dawn mhumiex u m’għandhom qatt ikunu suġġetti għall-ebda konsegwenzi ta’ negozjati.
Semma li sal-lum kien intlaħaq ftehim dwar numru ta’ kwistjonijiet fosthom biex jiżdied is-salarju massimu għall-għalliema kollha sal-livell massimu propost minn MUT għall-2018.
Għaldaqstant l-MCAST qal li se jerġa’ titlob lill-MUT biex terġa’ lura madwar il-mejda għal aktar taħditiet.
Il-kawża għas-smigħ ġie appuntata għal nhar l-Erbgħa 31 ta’ Jannar.