Il-Qorti Kostituzzjonali, l-ogħla qorti preseduta minn tliet Imħallfin, laqgħet appell tal-Avukat tal-Istat f’kawża marbuta mat-talba ta’ Repubblika li fiha qed titlob li l-Maġistrat Nadine Lia ma tibqax tisma’ l-każ tagħha b’rabta ma’ Pilatus.
Din il-kawża hija waħda minn sensiela ta’ azzjonijiet ta’ Repubblika jew persuni qrib tagħha, li mhux darba u tnejn kellhom fil-mira tagħhom istituzzjonijiet jew membri tal-ġudikatura.
Il-Maġistrat Lia kienet irrifjutat li tirrikuża lilha nnifisha minn kawża li qed jagħmlu Repubblika kontra l-Avukat Ġenerali, u Repubblika fetħu kawża oħra l-Qorti dwar hekk. Il-Qorti Ċivili, ipreseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey, kienet ħadet il-pass li, sakemm tibqa’ tinstema’ kawża ta’ Repubblika, il-kawża oriġinali li kellha tippresjedi l-Maġistrat Lia tibqa’ tinstema’. Kienet iddeċidiet ukoll li dan isir minn Maġistrat differenti. Fl-istess ħin, l-Imħallef Spiteri Bailey kien għażel li ma jismax il-kawża kostituzzjonali b’urġenza.
Issa,iżda, il-Qorti,ippreseduta minn tliet Imħallfin, ħassret dik il-parti fejn il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Spiteri Bailey ċaħdet it-talba sabiex il-kawża kostituzzjonali tinstema’ b’urġenza u minflok ordnat li l-proċeduri ta’ sfida ikomplu jinstemgħu quddiem maġistrat differenti. Minflok, fis-sentenza aħħarija l-Qorti ordnat li l-kawża oriġinali tiġi sospiża sakemm il-kawża kostituzzjonali tinstema’ b’urġenza.