Il-Qorti ħelset mill-arrest lil Marco German, ta’ 59 sena mill-Kalkara, wara li kkontesta l-mandat ta’ arrest Ewropew li nħareġ kontrih; mandat li l-avukat tiegħu ddeskrivih bħala wieħed “avventuruż”.
German huwa mfittex mill-awtoritajiet Taljani b’rabta ma’ rejds li kienu saru fuq il-mafja tal-Calabria, l-Ndrangheta, u ġie arrestat b’mandat ta’ Arrest Ewropew b’talba tal-awtoritajiet Taljani minħabba allegat involviment f’kummerċ ta’ karozzi misruqin.
Wara r-rejds, li fihom il-Pulizija Taljana ssekwestrat assi li jiswew ’il fuiq minn €200 miljun, il-midja rrapurtat għexieren ta’ ismijiet li huma mfittxija mill-pulizija b’rabta ma’ reati kriminali stil tal-mafja. Il-Pulizija Taljana, la ċaħdet u lanqas ikkonfermat dawn l-ismijiet. F’dawn il-listi hemm German u persuna oħra Maltija, William McManus. Qed jiġi rrappurtat li McManus ġie arrestat l-Italja u bħalissa qiegħed barra fuq pleġġ.
Quddiem il-Maġistrat Elaine Mercieca wara li kien l-avukat ta’ German qalu li l-klijent tiegħu kien ss xufier li ttrasporta l-oġġetti misruqa.
Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, ladarba jiġu imposti sett ta’ kundizzjonijiet fuq l-imputat.
L-imputat qatt ma xellef difru mal-ġustizzja.
Huwa ingħata l-ħelsien mill-arrest, ladarba jagħti l-karta tal-identità u l-passaport lill-Qorti, filwaqt li josserva l-ħinijiet imposti fuqu.
Huwa ġie ordnat ukoll iħallas depożitu ta’ tliet elef ewro u garanzija personali ta’ għaxart elef ewro.