Fil-Qorti, l-Imħallef Edwina Grima tat raġun lill-avukati ta’ Yorgen Fenech, l-allegat mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, meta ddikjarat li kummenti li ta fl-aħħar jiem l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jippreġudikaw ġuri ġust fil-konfront tal-akkużat.
Din id-deċiżjoni ġiet wara li l-avukati ta’ Fenech ressqu rikors fil-Qorti, b’rabta ma’ intervista li ta Jason Azzopardi lis-sit Lovin Malta. F’din l-istess intervista, l-eks Deputat Nazzjonalista u avukat tal-għaqda Repubblika allega li l-provi kollha jippontaw lejn Yorgen Fenech.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef Grima sostniet li tali kummenti jinterferixxu fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u anke jinfluwenzaw lill-ġurati, li għadhom iridu jintagħżlu fil-proċess għall-ġuri.
Anke l-għaqda Repubblika nnifisha ħarġet tiddefendi lil Jason Azzopardi, bil-President Onorarju tagħha, Robert Aquilina, jikteb fuq Facebook fejn qabel miegħu u kkonferma l-istess dikjarazzjoni.
Ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li “meta Yorgen Fenech talab il-proklama, kien qed jitlob l-immunità mill-konsegwenzi ġudizzjarji tal-għemil kriminali tiegħu u allura kien qed jammetti”, waqt li tenna kull interpretazzjoni oħra hi biss gidba.
Esperti legali, li tkellmu ma’ ONE News bil-kundizzjoni tal-anonimità l-Ġimgħa, stqarrew li ma jeskludux li tali kummenti kellhom l-għan li tassew iħarbtu l-proċeduri li għaddejjin u teknikament iwasslu biex il-każ kollu jaqa’.
Dan, aktar u aktar, meta persuni, bħall-Avukat Jason Azzopardi, jafu sew kif taħdem is-sistema ġudizzjarja.
Fid-digriet tagħha, l-Imħallef Grima ordnat lis-sit Lovin Malta biex ineħħi l-biċċa tal-intervista fejn Azzopardi tkellem dwar Yorgen Fenech, waqt li l-istess Azzopardi ġie ordnat ukoll ineħħi l-intervista minn fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.
Minkejja dan, mhux magħruf jekk l-istess kummenti għadhomx qed jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali permezz ta’ sorsi oħrajn, xi ħaġa faċli ħafna li ssir bit-teknoloġija diġitali tal-lum.