L-estradizzjoni lejn l-Italja ta’ mara li kienet tifforma parti minn grupp mafjuż u li kienet arrestata Malta bis-saħħa tal-Mandat t’Arrest Ewropew se tkun qed isseħħ, kif kien deċiż inizjalment. Dan ġie deċiż illum fil-Qorti, mill-Maġistrat Aaron Bugeja.
Mezzi tax-xandir Taljani irrapportaw li Donatella Concas kienet issuspettata li kienet parti mill-grupp mafjuż Camorra u kienet arrestata f’pajjiżna permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Il-mara ngħatat sentenza ta’ tliet snin u tmien xhur priġunerija minn Qorti Venezjana, talli pparteċipat f’atti kriminali, użura, u kienet fil-pussess illegali ta’ armi fost oħrajn. Skont dawn ir-rapporti, saret parti mill-grupp mafjuż Venezjan bejn l-2009 u l-2011, liema grupp kien jieħu vantaġġ minn negozjanti u jipprovidhom bil-flus li jkollhom bżonn, b’rati għolja ta’ interessi. Wara li ngħatat is-sentenza, Donatella Concas għebet għal aktar minn sena, u kien wara investigazzjonijiet fir-reqqa li nstabet hawn Malta.
L-avukat difensur Malcolm Mifsud prova jiġġieled din l-estradizzjoni, bl-argument li hi kienet tinsab f’riskju li tinqatel fl-Italja minħabba informazzjoni li hi għandha fuq il-kollegi preċedenti tagħha.
Meta dan l-argument falla, insista li biex il-Mandat ta’ Arrest Ewropew kontra l-klijenta tiegħu jkun validu, Concas trid tkun fiżikament preżenti fil-Qorti waqt li tkun qed tingħata s-sentenza.
Wara kjarifika dwar dan il-punt mal-awtoritajiet Taljani, kien deċiż li t-Taljana għandha tmur lura lejn il-pajjiż ġar tagħna.
L-Avukat Vincienne Vella deheret għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.