L-Imħallef Mark Chetcuti kkonferma r-revoka tal-permess li ngħata lin-negozjant Charles Polidano biex jerġa’ jiżviluppa erbat idjar townhouse storiċi fil-qalba ta’ Ħal Balzan.
Minkejja li x-xogħlijiet jinsabu fi stadju avvanzjat, id-deċiżjoni tal-Qorti tenniet li l-iżvilupp hu illegali.
L-Imħallef iddeskriva l-argumenti legali tad-difiża ta’ Polidano bħala infondati.
Il-Qorti kienet qed tiddetermina żewġ appelli minn Polidano, wara li t-tribunal tal-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent, l-ERA, waqqa’ permess fuq xogħlijiet li kienu nbdew qabel l-2011.
L-applikazzjoni saret għal rinnovazzjoni ta’ tlett idjar u testendihom fil-ġonna tagħhom stess. Ġie propost ukoll parkeġġ fil-ġnien.
Wieħed mis-siti fil-qalba ta’ Ħal Balzan jinkludi palazz antik, li jmur lura madwar 300 sena, filwaqt li l-ġonna tiegħu huma minn żmien il-Kavallieri.
Fl-2011, l-Awtorità tal-Ippjanar, ħarġet ordni ta’ konservazzjoni b’emerġenza, b’lista ta’ xogħlijiet rimedjali li kellhom isiru fuq is-siti. Fl-2012, il-Palazz kien inkluż fil-lista nazzjonali tal-bini skedat.
Polidano kien appella l-piena mogħtija mill-Qorti, lura fl-2013, wara li kien, kontra l-liġi, qata’ siġar u waqqa’ ħajt tas-sejjieħ. Il-Qorti tal-Appell kienet naqqset din il-multa għal €10,000.