Il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell minn Steward Healthcare u kkonfermat is-sentenza tal-ewwel Qorti dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet.
Wara s-sentenza tal-ewwel Qorti fil-bidu ta’ din is-sena, fejn anke Steward, kienet iddeċidiet li tabbanduna l-operat tal-isptarijiet, il-Gvern kien daħal b’mod immedjat biex jopera l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech, permezz tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Dan kien importanti biex ingħata serħan il-moħħ lill-impjegati li x-xogħol kien garantit, waqt li ngħatat ukoll l-assigurazzjoni li ċ-ċittadini, inkluż lill-pazjenti, se jibqgħu jirċievu servizz tas-saħħa tal-ogħla livell li pajjiżna hu magħruf għalih.
Sadanittant, ladarba issa ġie miċħud ukoll l-appell li kien iddaħħal, il-kuntratti marbutin mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet ġew annullati b’mod definittiv.
B’hekk il-Qorti qed tikkonferma l-ordni biex dawn l-isptarijiet jiġu rritornati lill-Gvern mill-Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare. Għaldaqstant ċaħdet l-argumenti ta’ Steward, li kienet appellat mid-deċiżjonijiet, u laqgħet l-argument dwar ħlas tal-ispejjeż f’din il-kawża.
Il-Qorti tal-Appell innotat kif l-annullar tal-kuntratti qed isir minħabba li Steward u Vitals m’onorawx l-obbligi tagħhom.
Il-Qorti kienet qalet li meta kien evidenti li l-kumpanija fdata bl-isptarijiet ma kinitx qed tissodisfa l-obbligi tagħha, il-Gvern ta aktar żmien biex Steward u aktar qabel Vitals, jagħmlu dak mistenni minnhom. Madankollu minkejja dik l-estensjoni, il-kumpaniji fdati bl-isptarijiet xorta m’onorawx l-obbligi tagħhom.
Sadanittant, fi stqarrija l-Gvern innota li ma stenniex is-sentenza tal-appell biex jieħu kontroll tal-isptarijiet.
Fil-fatt fil-21 ta’ ta’ Marzu li għadda, il-Gvern kien informa lil Steward li kien qed jagħmel ‘controlled step-in’ u f’April ħa f’idejh l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech, u l-Isptar San Luqa. Il-Gvern kien għamilha ċara li meta ħa f’idejh il-kontroll tal-isptarijiet, dan sar bil-kundizzjonijiet tiegħu u allura issa ilu għal diversi xhur li ħa kontroll ta’ dawn l-isptarijiet u beda jieħu u jimplimenta numru ta’ inizjattivi.
Il-Gvern fakkar li fl-aħħar xhur beda arbitraġġ internazzjonali quddiem l-International Chamber of Commerce u fl-14 ta’ April il-Gvern rebaħ l-ewwel stadju tal-proċeduri. Il-Gvern saħaq li f’kull proċedura se jibqa’ jħares l-interess nazzjonali minn kull aspett, inkluż dak finanzjarju.
Il-Gvern fakkar ukoll li, f’rikors li kien ressaq, talab lill-Qorti biex l-appell jinstema’ b’urġenza fl-interess pubbliku u fl-interess nazzjonali. Dan filwaqt li l-Gvern m’appellax mis-sentenza tal-ewwel Qorti u wieġeb b’impenn għar-rikorsi ta’ Steward. Fil-fatt il-Gvern ressaq mal-għaxar atti ġudizzjarji kontra t-talbiet ta’ Steward.
Il-Gvern temm jgħid li se jibqa’ jimplimenta viżjoni politika b’saħħitha fis-settur tas-saħħa li tiffoka dwar il-ħtiġijiet taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.