Simon Busuttil, l-ex kap tal-Oppożizzjoni tilef kawża ta’ libell kontra l-Partit Laburista. Busuttil kien ħassu mmalafat b’xandira politika li xxandret fuq TVM f’Mejju tal-2014 dwar miljun u nofs ewro li ngħatat f’direct orders kumpanija li kien involut fiha.
Il-qorti kkonfermat li Simon Busuttil kien jagħmel parti mill-kumpanija Europa Research and Consultancy Limited u li din ħadet miljun u nofs ewro f’kuntratti u direct order fosthom konsulenzi dwar irziezet tal-ħnieżer, ftuħ ta’ wine bars u trobbija tal-fniek
Fil-qorti ngħad li l-kumpanija għadha topera sal-lum bl-istess azzjonisti, inkluż Simon Busuttil li għandu kważi sbatax fil-mija tal-ishma.
Fil-Qorti l-Partit Laburista ppreżenza provi li juru li bejn l-1998 u l-2013, kumpaniji li kien involuti fihom Simon Busuttil ħadu aktar minn miljun ewro f’konsulenzi. Dan meta kien iddikjara li kien daħħal inqas mill-minimum wage fis-sena.
Fil-qorti rriżulta wkol li l-kumpaniji li magħhom kellu involviment ingħataw xogħol bi ftit aktra minn tliet miljun ewro.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale qalet li l-fatti kif esposti fix-xandira li dwarha ilmenta Busuttil jirriżultaw sostanzjalment veri u aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li Busuttil huwa persuna politika li hija soġġetta għal-livell ta’ kritikja għolja.
Qalet li l-kummenti li saru għandhom jitqiesu bħala aċċettabbli f’soċjetà demokratika u nnotat li l-kummenti kienu msejsa fuq il-fatt li Busuttil iddikjara li kien daħħal inqas mill-minimum wage fis-sena.
L-ex Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tilef libell kontra l-Partit Laburista dwar xandira politika li esponiet fil-beraħ kif kumpanija li kien involut fiha ngħatat aktar minn miljun u nofs ewro f’kuntratti u direct orders.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti laqgħet il-provi kollha li ressaq il-Partit Laburista u qalet li ma kien hemm xejn libelluż fil-kummenti li għadda wara li Simon Busittil iddikjara li kien daħħal inqas mill-minimum wage fis-sena.
B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li din hija konferama oħra kif Simon Busuttil mhux kredibbli biex jitkellem dwar governanza tajba u meritokrazija għax dawn ma kinux prinċipji li kien iħaddan meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern
Il-Partit Laburista żied jinnota li Simon Busuttil għamel kważi ħames snin jiċħad u jigdeb dwar fatt li llum anke l-Qorti kkonfermat li huwa minnu. Qal li Busuttil gideb dwar kwistjonijiet oħra u li dwarhom irid iġorr ir-responsabbiltà meta tkun ikkonfermata l-verità.