Il-Qorti kkonfermat il-mandat ta’ inibizzjoni temporanju li sar mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva. B’hekk, waqqfet direttiva tal-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, biex l-infermiera jirrifjutaw id-dħul ta’ pazjenti ġodda fir-residenza San Vinċenz de Paul.
L-Imħallef Neville Camilleri innota li l-MUMN kellha ħamest ijiem ċans biex tressaq l-argumenti legali tagħha. Dalgħodu l-Imħallef ma laqax dawn l-argumenti u kkonferma l-mandat ta’ inbizzjoni tal-Ministeru għall-Anzjanità Attiva.
Din id-direttiva kienet ħarġet mill-MUMN f’Awwissu li għadda, wara li membru tal-Unjin ġie sospiż mill-impjieg tiegħu, minħabba l-għajbien ta’ Carmelo Fino.
Carmelo Fino kien l-anzjan ta’ 83 sena residenti San Vinċenz, li għeb f’nofs ta’ lejl u nstab mejjet ġimagħatejn wara.
B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti, il-Ministeru għall-Anzjanita’ Attiva esprima sodisfazzjon, u qal din id-direttiva kienet qed tfixkel il-provvediment ta’ servizzi essenzjali lill-anzjani bir-riżultat li kienet se toħloq problemi kbar anke fis-sistema tas-saħħa f’pajjiżna.
“Il-kura tal-anzjani hija servizz essenzjali li qatt m’għandu jkun preġudikat. Din hija deċiżjoni favur l-anjzani ta’ pajjiżna”, saħaq il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela hu u jaċċenna li jibqa’ dejjem dispost għal djalogu li fih jitħarsu l-interessi tal-partijiet involuti kollha marbuta mal-qasam tal-anzjani.