Steward Healthcare tilfet kawża kontra l-Kummissarju għat-Taxxi wara li dan ħa passi bil-għan li Steward Healthcare tħallas it-taxxa dovuta minnha.
Il-Kummissarju għat-Taxxi kien ħa passi sa mis-sena li għaddiet biex iħares l-interessi tal-istat, u dan sa min qabel is-sentenza tal-Qorti dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Iżda, Steward ikkontestat il-passi li ħa l-Kummissarju għat-Taxxi b’mod partikolari l-mandat ta’ sekwestru u fetħiltu kawża. Fost oħrajn qalet li l-mandat ta’ sekwestru eżekuttiv fil-konfront tagħha kellu jiġi mħassar. Saħansitra Steward qalet ukoll li l-Kummissarju għat-Taxxi aġixxa in mala fede.
Il-Kummissarju rrifjuta din l-akkuża u oħrajn u qal li proċeda l-mandat ta’ sekwestru eżekuttiv sabiex jissalvagwardja d-drittijiet tiegħu, jenforza t-titolu eżekuttiv tiegħu kontra Steward u sabiex b’effett tal-mandat ta’ sekwestru eżekuttiv il-ħlasijiet dovuti jiġu depożitati taħt l-awtorita’ tal-Qorti.
Dan hekk kif dak dovut kien jaqbeż is-sitta u tletin miljun ewro. Wara s-sentenza tal-Qorti li ħasret il-konċessjoni l-Kummissarju għat-Taxxi kompla jieħu l-passi biex jesiġi li l-interessi tal-istat ikunu mħarsa.
F’sentenza estensiva il-Qorti qalet li f’dan ix-xenarju l-Qorti ma tarax illi tista’ ssib mala fede fl-aġir tal-Kummissarju tat-Taxxi u rrifjutat it-talbiet ta’ Steward.