Il-Qorti qatgħetha li Ryan Schembri, li kien sid il-More Supermarkets, wettaq frodi meta deher f’kuntratt li fih iddikjara li kellu dejn ta’ €3.5 miljun meta kien jaf li ma kienx għadu r-rappreżentat legali tal-katina ta’ supermarkets.
Il-Qorti ordnat li l-att pubbliku, li sar minn nutar fl-20 ta’ Ġunju 2014, jiġi kkanċellat, filwaqt li kopja tas-sentenza tingħadda lill-Kummissarju tat-Taxxi, il-Financial Intelligence Analysis Unit, il-Kummissarju tal-Pulizija, u l-President tal-Kunsill Notarili.
Is-sentenza ngħatat b’rabta ma’ żewġ kawżi ċivili li More Supermarkets Ltd u More Holdings Ltd fetħu kontra Edmond Mugliett u Alexander Farrugia, flimkien ma’ Tyan Schembri, Adrian Agius, u Cassar and Schembri (Marketing) Ltd. Il-kawżi nfetħu f’Novembru tal-2014, ħames xhur wara li sar il-ftehim dwar id-dejn.