Michel Zammit, li għandu 52 sena wieġeb mhux ħati meta ttella’ l-Qorti mixli li ħebb u kkaġuna ġrieħi ħfief lil tifel ta’ 12-il sena, li kkawżalu biża’ u li kiser il-paċi pubblika.
Fil-Qorti l-prosekuzzjoni spjegat li l-imputat mar jagħmel rapport f’għassa tal-pulizija, fejn hu rrapporta li kien hemm xi tfal li ma kinux magħrufa minnu li bdew iħabbtu mal-bieb tad-dar b’mod aggressiv u jaħarbu. Ġie spjegat li dan l-att allegatament seħħ aktar minn darba.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-imputat irnexxielu jintraċċa lil tifel partikolari u saħansitra ħa miegħu mobile tat-tifel fl-għassa tal-pulizija.
Hawnhekk il-pulizija ċemplet lil missier it-tifel, identifikat fejn fl-għassa dan it-tifel beda jallega li l-imputat beda jsawtu.
Minn jeddu l-imputat baqa’ fl-għassa tal-pulizija waqt li t-tifel ittieħed f’polyclinic u hemmhekk it-tifel ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief.
L-avukat tad-difiża Franco Debono kkontesta l-validità tal-arrest hekk kif ħareġ li meta ġie arrestat l-imputat, il-Maġistrat tal-għassa ma ġiex informat.
F’dan ir-rigward, il-Qorti ddikjarat l-arrest bħala wieħed invalidu u mhux skont il-liġi u għaldaqstant ordnat il-ħelsien mill-arrest tal-imputat.
Il-Qorti laqgħet però t-talba għall-ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tat-tifel minorenni.