Deċiżjoni tal-Qorti ddikjarat il-kumpless Daniels fil-Ħamrun bħala fallut għaliex mhux fi stat li jħallas id-djun tiegħu.
Panta Contracting Ltd., wieħed mill-kredituri, fl-2014 ħa azzjonijiet legali dwar dejn pendenti ta’ €1.5 miljun. Il-Qorti semgħet li l-kumpanija risponsabbli minn Daniels Shopping Complex, igifieri D.A. Holdings, kellha kredituri oħra, li jafuhom mat-€120-il-miljun u xi interessi.
L-argument fil-Qorti kien li D.A. Holdings kienet għadha ma ġietx dikjarata insolventi għaliex il-propjeta’ kienet stmata li tiswa €20 miljun. Pero sieħeb tal-kumpanija responsabbli mill-awditjar tagħha innota li l-istess kumpanija ma kelliex biżżejjed flus biex tħallas lill-kredituri fil-ħin; u li l-uniku mod kif dawn setgħu jitħallsu kien bil-bejgħ tal-propjetajiet tal-kumpanija, jew injezzjoni ta’ kapital ġdid. Żied jgħid ukoll li l-accounts tal-2013 u l-2014 għadhom ma tlestewx.
Fid-dawl ta’ dawn, u dettalji ohra, il-Qorti iddeċidiet li l-kumpless wasal f’punt li ma jistax jerġa lura minnu, hekk kif ma hemmx qligħ biżżejjed biex jitħallsu l-kredituri. Il-bejgħ tal-assi tal-kumpanija biex jitħallas id-dejn se jfisser li dan ma jkunx jista’ jkompli jopera bħala negozju.
Għaldaqstant l-Imħallef ordna id-dixxoljiment tal-kumpanija. Issa għandha ssir verifika tal-assi, u rapport ta’ dan se jkun preżentat fis-sittax ta’ Ġunju.