- Tgħid li żewġ libelli fuq l-istess każ ma jiksrux id-dritt fundamentali tal-libertà tal-kelma
Il-Qorti Kostituzzjonali ma sabet xejn kontra d-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni fil-fatt li Richard Cachia Caruana, l-eks rappreżentanti permanenti ta’ Malta fi Brussell u strateġist tal-Partit Nazzjonalista għal ħafna snin, fetaħ libell kriminali u ċivili fl-istess ħin kontra ġurnalist.
Il-każ imur lura għall-2012 meta Cachia Caruana beda każ kriminali kontra Kurt Farrugia, dak iż-żmien editur tal-istazzjon ONE. Il-libelli nfetħu minħabba kumment li kien għamel Joe Mizzi, dak iż-żmien Deputat Parlamentari. Cachia Caruana kien irreaġixxa b’żewġ libelli, kriminali u ċivili fl-istess ħin. Farrugia u Mizzi, permezz ta’ każ kostituzzjonali, argumentaw li din kienet azzjoni sproporzjonata li tmur kontra d-dritt fundamentali tal-libertà tal-espressjoni. Mizzi u Farrugia argumentaw li bil-fatt li fetaħ iż-żewġ kawżi fl-istess ħin Cachia Caruana ma riedx biss jiddefendi r-reputazzjoni tiegħu. Iżda, il-Qorti ddefendit id-dritt ta’ Cachia Caruana, li jiftaħ il-libell kriminali bil-liġi kif inhi llum, billi qalet li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni jġib miegħu dmirijiet u responsabbiltajiet, jista’ jkun suġġett għall-formalitajiet, kundizzjonijiet, restrizzjonijiet jew penali kif preskritti b’liġi u jkunu meħtieġa f’soċjetà demokratika.
B’hekk iddikjarat li l-libell kriminali għandu jitkompla. Il-libell kriminali ilu jissemma diversi drabi minn ġurnalisti u organizazzjonijiet internazzjonali bħala xi ħaġa li toħnoq il-libertà tal-kelma u l-Gvern kien wiegħed li jneħħih. Fil-fatt proposti f’dan is-sens tħabbru fix-xhur li għaddew u fil-jiem li ġejjin mistennija tibda diskussjoni dwar hekk fil-Parlament. Diskussjoni li għandha twassal biex il-libell kriminali f’pajjiżna jsir xi ħaġa tal-imgħoddi.