Il-Qorti ma sabet xejn illegali fi promozzjonijiet li ngħataw fil-Forzi Armati ta’ Malta fl-2013.
Fuq dawn il-promozzjonijiet, il-Partit Nazzjonalista kien fetaħ attakk l-aktar fuq il-Brigadier Jeffrey Curmi u d-deputat Kap Kmandant Mark Mallia.
F’Settembru elfejn u tlettax, Jeffrey Curmi, Mark Mallia, Pierre Vassallo u Mark Said ġew promossi għall-grad ta’ Kurunell fil-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Logutenent Kurunell Andrew Mallia kien fetaħ proċeduri l-qorti kontra l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta u l-Ministru għall-Intern u s-sigurta Nazzjonali u allega diskriminazzjoni fl-għoti ta’ dawn il-promozzjonijiet iżda f’sentenza illi ta, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti ma setax jgħid li d-deċiżjoni li jiġu promossi erba’ suldati bħala kurunelli kienet illegali.
Il-Logutenent Kurunell Andrew Mallia lmenta li Jeffrey Curmi, Mark Mallia, Pierre Vassallo u Mark Said ngħataw promozzjoni għall-grad ta’ Kurunell meta kienu anqas anzjani minnu.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti kkunsidrat il-kwalifiċi li għandhom l-erba’ membri tal-Armata imsemmija, fosthom il-Kap Kmandant il-Brigadier Jeffrey Curmi u d-deputat Kap Kmandant Mark Mallia.
Fis-sentenza, il-Prim Imħallef qal li skont il-liġi, sabiex tingħata promozzjoni għandha tingħata ħarsa lejn l-effiċjenza u l-kariga partikolari li tkun trid tiġi mimlija.
Il-Qorti qalet ukoll li wieħed mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta tingħata promozzjoni hija jekk il-persuna tkun idonja għall-kariga partikolari iżda fir-rikors tiegħu, il-Logutenent Kurunell Andrew Mallia ma indikax ghal liema kariga huwa kien l-aktar idonju.
Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti analizza l-kwalifiki tal-persuni msemmija.
Il-Brigadier Jeffrey Curmi kellu bosta kwalifiki u jidher illi kellu tlett speċjalizazzjonijiet. Segwa numru ta’ korsijiet barra minn Malta fosthom fir-Renju Unit u l-Istat Uniti dwar l-isplussiv u korsijiet dwar l-għaddis. Kien anki Kap tal-Analiżi għall-Intelliġenza f’operazzjoni kontra l-piraterija fl-ibħra Afrikani.
L-involviment tiegħu f’din l-operazzjoni magħrufa Atalanta kienet xahrejn qabel il-promozzjoni tiegħu.
Dwar id-Deputat Kap Kmandant, mill-provi li ġew quddiem il-Qorti ħareġ li l-Kurunell Mark Mallia kien kiseb Diploma fl-istudji għall-Management bl-aqwa grad mill-Universita ta’ Malta u anki Masters f’Business Administration.
Għalhekk il-Qorti qalet li l-Kurunell Mark Mallia kien kwalifikat ferm fil-qasam tal-amministrazzjoni u r-riżorsi umani.
F’xhieda li ta d-deputat Laburista Dr. Manuel Mallia, li kien il-Ministru responsabbli mill-armata dak iż-żmien, qal li huwa kien ġie infurmat li hemm seba’ vakanzi fl-armata ghal Kurunelli u kienu kollha ghal branka partikolari.
Huwa kien eżamina l-kwalifiki tal-persuni konċernati u għażel dawk il-persuni li għalih kienu l-aktar idonji għal kariga ta’ kurunelli.
Spjega li għażel lil Curmi għax kien kapaċi fl-oqsma kollha fosthom espert ta’ bomb disposal u lil Mallia għax kellu esperjenza twila f’amministrazzjoni u r-riżorsi umani u Masters fil-qasam.