Il-Qorti laqgħet il-kawża li fetaħ il-Prim Ministru kontra Mark Gaffarena u martu Joseille biex il-Qorti tħassar it-trasferimenti kollha li saru b’rabta mal-każ ta’ żewġ kuntratti ta’ tpartit ta’ artijiet u assi li kienu proprjetà tal-Gvern u biex il-Qorti tordna li jintradd kollox lura.
Il-kawża ċivili nfetħet mill-Prim Ministru fil-kapaċità tiegħu biex jiddefendi l-interess tal-poplu Malti wara rapport tal-Awditur Ġenerali u l-Qorti tatu raġun.
Flimkien mal-kawża kienu ġew ippreżentati wkoll mandat ta’ sekwestru għall-ammont li tħallas fi flus lill-koppja Gaffarena u mandat ta’ inibizzjoni fuq it-trasferiment ta’ proprjetajiet mogħtija lilhom bi tpartit.
Il-Gvern kien sostna li dan il-każ kien frott nuqqasijiet kbar li kienu ilhom is-snin twal jeżistu fid-Dipartiment tal-Artijiet u matul is-snin skatta proċess ta’ riformi li wassal għall-ħolqien ta’ awtorità.
B’reazzjoni għal dan, il-Gvern jilqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti li tħassar il-ftehim b’rabta mal-propjetà fi Triq Żekka, fil-Belt Valletta. Din id-deċiżjoni tfisser li dak li ttieħed fi tpartit ta’ art biex tinxtara l-propjetà fi Triq Żekka issa jerġa’ lura għand il-poplu.
Kien il-Prim Ministru li ħa dan il-pass iebes li bħala Membru Parlamentari jiftaħ kawża biex dan il-ftehim tad-Dipartiment tal-Artijiet mal-familja Gaffarena jitreġġa’ lura. Dak iż-żmien il-Prim Ministru kien ġie akkużat li kien qed jagħmel hekk biex il-kawża tintilef u li din kienet kawża finta.
Illum il-Prim Ministru ngħata raġun u d-difiża tiegħu tal-propjetà tal-poplu qed tħalli frott konkret. Ħaddieħor, bħal dejjem, kien hemm biss biex jikkritika. Il-Prim Ministru kien hemmhekk biex jieħu d-deċiżjonijiet u jġib ir-riżultati.
Il-Prim Ministru jirringrazzja wkoll lill-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech u l-uffiċċju tiegħu li mexxew din il-kawża fl-interess pubbliku.