Il-Qorti ċaħdet talba tal-Lovin Malta biex il-Maġistrat Rachel Montebello tirrikuża ruħha mill-każ ta’ libell li fetaħ l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia kontra s-sit li rrapporta li Delia kien qed jibgħat messaġġi lil Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari wara li sar magħruf li n-negozjant huwa s-sid ta’ 17 Black.
L-Avukat użat mil-Lovin Malta huwa Andrew Borg Cardona, wieħed minn dawk li kien jikteb kontra Adrian Delia u biex dan jitneħħa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Bord Cardona talab biex il-Maġistrat Montebello tirrikuża ruħha għaliex hi diġà kienet tkellmet f’każ ieħor, fuq il-kontenut tal-messaġġi fuq whatsapp ta’ Yorgen Fenech.
Madankollu l-Maġistrat ċaħdet it-talba tar-rikuża u qalet li kliem li jingħad fi proċeduri separati m’għandhomx jgħoddu f’dan il-każ.
Fis-seduta fil-Qorti ħareġ ukoll li tal-Lovin Malta xtaqu xi tip ta’ medjazzjoni wara l-allegazzjonijiet li saru.
Għal dan l-argument, l-Avukat ta’ Delia stieden li s-sit li t-Times żvelat li l-maġġoranza tal-ishma tiegħu huma f’idejn Chris Peregin, l-istrateġista ta’ Bernard Grech, għandu jgħaddi l-messaġġi li kiteb rapport dwarhom.
Fil-jum li kellu jibda jinstema’ l-libell, Delia kien fetħilha kontra l-Lovin Malta ta’ Peregin.
Skont Delia, tal-Lovinmalta riedu jibqgħu jitfgħu t-tajn kontra tiegħu.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook kien kiteb li tal-Lovin Malta ma telgħux quddiem il-Qorti.
L-eks Kap Nazzjonalista kien spjega li jidher li tal-Lovin Malta kienu għadhom ma ġewx formalment notifikati bil-kawża però kienu jafu li hemm il-kawża.
Delia kien qal li dan ifisser li għalkemm jafu li riedu jitilgħu biex jiddefendu l-allegazzjonijiet tagħhom fil-konfront tiegħu, qegħdin jilagħbu għall-ħin.
Il-kawża ta’ libell ta’ Delia ħolqot iżjed skumdità fil-Partit Nazzjonalista minħabba l-fundatur tal-Lovin Malta, illum huwa l-id il-leminija tal-Kap.
Dan apparti li Peregin kien wieħed mill-iktar li uża l-għodda tiegħu biex Adrian Delia jitneħħa minn Kap tal-Partit Nazzjonalista u minfloku jitpoġġa Bernard Grech.
Delia qed jiċħad l-allegazzjonijiet li fuqhom infetaħ libell wara rapport tal-Lovin Malta.